Language 

Updates  | Medjugorje[EN]  | Messages  | News & Articles[EN]  | Videos[EN]  | Galery[EN] | Site Map  | About[EN]

www.medjugorje.ws » Text version » Our Lady of Medjugorje Messages » Our Lady of Medjugorje Messages containing 's'

Our Lady of Medjugorje Messages containing 's'

Total found: 32
Għeżież uliedi! Illum insejħilkom għal umli, uliedi, umli devozzjoni. Qlubkom iridu jkunu retti. Jalla s-slaleb tagħkom ikunu l-mezzi fil-battalja kontra d-dnubiet taż-żminijet ta' llum. Jalla l-arma tagħkom tkun il-paċenzja u mħabba bla limiti - imħabba li taf tistenna u li tagħmilkom kapaċi tgħarfu s-sinjali ta' Alla - ħalli ħajjitkom, bl-imħabba umli, tkun tista' turi l-verita' lil dawk kollha li jfittxuha fid-dlam tal-gideb. Uliedi, appostli tiegħi, għinuni niftaħ il-mogħdijiet lil Ibni. Għal darb'oħra nitlobkom biex titolbu għar-rgħajja tagħkom. Ma' ġenbhom jien għad nittrijonfa. Grazzi.

Għeżież uliedi, jalla dan iż-żmien ikun żmien ta' talb għalikom. Is-sejħa tiegħi tfal ċkejknin, tixtieq tkun għalikom sejħa sabiex tiddeċiedu li ssegwu t-triq tal-konverżjoni; għaldaqstant itolbu u fittxu l-interċessjoni tal-qaddisin kollha. Jalla huma jkunu għalikom eżempju, inċentiv u hena lejn il-ħajja ta' dejjem. Grazzi talli weġibtu s-sejħa tiegħi.

Għeżież uliedi, illum qed nitlob hawn magħkom sabiex tkunu tistgħu tiġbru s-saħħa li tiftħu qlubkom u hekk ssiru konxji tal-qawwa ta' l-imħabba ta' Alla li qed ibati. Permezz ta' din l-imħabba, tjubija u ġentilezza tiegħu, jiena wkoll ninsab magħkom. Nistedinkom għal dan iż-żmien speċjali ta' preparazzjoni sabiex ikun żmien ta' talb, ta' penitenza u ta' konverżjoni. Uliedi, għandkom bżonn ta' Alla. Ma tistgħux timxu 'l quddiem mingħajr Ibni. Meta tifhmu u taċċettaw dan, dak li kien imwiegħed lilkom iseħħ. Permezz ta' l-Ispirtu s-Santu, is-Saltna tas-Sema titnissel fi qlubkom. Jiena qed immexxikom lejn dan. Grazzi.

Għeżież uliedi! Illum insejħilkom għall-għaqda f' Ibni Ġesu'. Il-qalb materna tiegħi titlob biex intom tifhmu li intom il-familja ta' Alla. Permezz tal-liberta' spiritwali tar-rieda, li l-Missier tas-sema takom, intom mitluba li tgħarfu l-verita', it-tajjeb jew il-ħażen. Jalla t-talb u s-sawm jiftħu qlubkom u jgħinukom tiskopru lill-Missier tas-Sema permezz ta' Ibni. Filli tiskopru lill-Missier, ħajjitkom tkun immexxiha filli twettqu r-rieda ta' Alla u fit-twaqqif tal-familja ta' Alla, fil-mod kif Ibni jixtieqha. Ma nħallikomx waħedkom fuq din il-mogħdija. Grazzi.
Matul id-dehra, Mirjana ħasset li setgħet jew kellha tgħid lill-Madonna, "Aħna lkoll ġejna għandek bit-tbatija u s-slaleb tagħna. B' ħerqa nitolbuk biex tgħinna." Bħala tweġiba, il-Madonna firxet idejha fuq Mirjana u fuq kull min kien preżenti u qalet:
Iftħu qlubkom għalija. Agħtuni t-tbatijiet tagħkom. L-Omm tgħin.

Għeżież uliedi! Illum ukoll ninsab magħkom u qed inħares lejkom u nberikkom u m' iniex se naqta' qalbi li din id-dinja għad tinbidel għat-tajjeb u li l-paċi ssaltan fi qlub il-bnedmin. L-hena se tibda ssaltan fid-dinja għaliex intom inftaħtu għas-sejħa tiegħi u għall-imħabba t' Alla. L-Ispirtu s-Santu qed jibdel lil dik il-multitudni ta' nies li qalu 'iva'. Għaldaqstant nixtieq ngħidilkom: Grazzi talli weġibtu għas-sejħa tiegħi.

Għeżież uliedi! Il-qalb materna tiegħi ssoffri tremendament waqt li nħares lejn uliedi, li b' persistenza jpoġġu quddiemhom dak li hu uman qabel dak li hu ta' Alla, lejn uliedi li b' dak kollu li hemm madwarhom u bis-sinjali kollha li jintbagħtulhom xorta waħda jaħsbu li jistgħu jimxu mingħajr Ibni. Ma jistgħux! Qed jimxu lejn it-telfien ta' dejjem. Huwa għal dan il-għan li qed niġborkom, intom li lesti li tiftħu qlubkom għalija, intom li lesti tkunu appostli ta' l-imħabba tiegħi, sabiex tgħinuni; ħalli billi tgħixu l-imħabba ta' Alla intom tistgħu tkunu eżempju għal dawk li ma jafuhiex. Jalla s-sawm u t-talb jgħinkom f' dan u nberikkom b' barka materna fl-isem tal-Missier u ta' l-Iben u ta' l-Ispirtu s-Santu. Grazzi.
Mirjana qalet li l-Madonna kienet qalbha sewda ħafna.

Għeżież uliedi, illum insejħilkom għall-pass iebes u diffiċli, għall-għaqda tagħkom ma' Ibni. Insejħilkom għal stqarrija sħiħa u l-qrara ta' dnubietkom, għall-purifikazzjoni. Qalb mhux safja ma tistgħax tkun ma' Ibni u f' Ibni. Qalb mhux safja ma tisgħax tagħti l-frott ta' l-imħabba u ta' l-għaqda. Qalb mhux safja ma tisgħax twettaq affarijiet korretti u ġusti; m' hijiex eżempju ta' l-isbuħija ta' l-imħabba ta' Alla għal dawk li hemm madwarha u għal dawk li għadhom ma għarfux din l-imħabba. Intom uliedi, qed tinġabru madwari mimlija entużjażmu, xewqat u stennija u jiena bil-ħerqa nitlob lit-twajjeb Missier sabiex permezz ta' l-ispirtu s-Santu, ipoġġi lil Ibni - il-fidi, fil-qalb ippurifikata tagħkom. Uliedi obduni, ejjew terqu miegħi.

Għeżież uliedi! Jalla dan iż-żmien ikun għalikom żmien ta' talb u skiet. Serrħu l-ġisem u r-ruħ tagħkom, jalla jkunu fl-imħabba ta' Alla. Ippermettuli tfal ċkejknin, sabiex immexxikom, iftħu qlubkom lill-Ispirtu s-Santu biex dak kollu li hu tajjeb fikom iwarrad u jagħti l-frott għall-mitt darba. Ibdew u temmu l-jum b' talb bil-qalb. Grazzi talli smajtu s-sejħa tiegħi.

Għeżież uliedi, illum nistedinkom sabiex titwieldu mill-ġdid fit-talb, u permezz ta' l-Ispirtu s-Santu ssiru poplu ġdid flimkien ma' Ibni; poplu li jaf li jekk tilef lil Alla, tilef lilu innifsu; poplu li jaf li flimkien ma' Alla, għalkemm qalb tant tbatija u provi, huwa fiż-żgur u salv. Insejħilkom sabiex tinġabru fil-familja ta' Alla u li tissaħħu bil-qawwa tal-Missier. Bħala individwi, uliedi, intom ma tistgħux twaqqfu l-ħażen li jrid jibda jsaltan f' din id-dinja u jeqridha. Iżda skont ir-rieda ta' Alla, ilkoll flimkien, ma' Ibni intom tistgħu tbiddlu kollox u tfejqu lid-dinja. Insejħilkom sabiex titolbu b' qalbkom kollha għar-rgħajja tagħkom għaliex Ibni għażilhom. Grazzi.

Għeżież uliedi! Illum insejħilkom sabiex titolbu u ssumu għall-intenzjonijiet tiegħi għaliex satana jrid jeqred il-pjan tiegħi. Hawn bdejt b' din il-parroċċa u stedint lid-dinja kollha. Ħafna wieġbu iżda hemm numru enormi li ma jridux jisimgħu u jilqgħu s-sejħa tiegħi. Għalhekk intom li għidtu 'iva', ibqgħu b' saħħitkom u sodi. Grazzi talli weġibtu għas-sejħa tiegħi.

Għeżież uliedi! Insejħilkom, sabiex dan iż-żmien ikun għalikom ilkoll, żmien ta' xhieda. Intom li tgħixu fl-imħabba ta' Alla u esperjenzajtu d-doni tiegħu, ixhdu għalihom bi kliemkom u ħajjitkom ħalli dawn ikunu għall-hena u għall-inkuraġġiment ta' l-oħrajn fil-fidi. Jiena magħkom u l-ħin kollu ninterċedi għalikom quddiem Alla sabiex il-fidi tagħkom dejjem tkun ħajja, ferrieħa u fl-imħabba ta' Alla. Grazzi talli smajtu s-sejħa tiegħi.

Għeżież uliedi! Qed inħares lejkom u fi qlubkom m' iniex nara ferħ. Illum nixtieq nagħtikom l-ferħ ta' l-Irxoxt, sabiex Hu jmexxikom u jħaddankom b' imħabbtu u bil-ħlewwa tiegħu. Inħobbkom u qed nitlob bla waqfien għall-konverżjoni tagħkom quddiem Ibni Ġesu'. Grazzi talli smajtu s-sejħa tiegħi.

To compare Medjugorje messages with another language versions choose

 

PC version: This page | Medjugorje | Apparitions[EN]  | Our Lady of Medjugorje Messages  | Medjugorje News & Articles[EN]  | Galery[EN]  | Medjugorje Videos[EN]